Previous slide
Next slide

It-tempju preistoriku fix-Xewkija, innotat għall-ewwel darba minn Ġann-Franġisk Abela, jindika xi attività fl-inħawi u jista’ jkun li l-post kien abitat minn żminijiet bikrin ħafna. Skavi li saru fl-1904 mill-arkeologu Patri Manwel Magri fl-għelieqi fil-lvant tal-knisja parrokkjali kkonfermaw li ż-żona kienet abitata sa minn żmien in-Neolitiku. Madwar is-sena 700 QK, Malta u Għawdex ġew ikkolonizzati mill-Feniċi u aktar tard mid-dixxendenti tagħhom, il-Kartaġiniżi. Ġew skoperti diversi oġġetti Puniċi fil-limiti tax-Xewkija f’Tal-Morob. Fl-218 QK fil-bidu tat-tieni Gwerra Punika, ir-Rumani ħadu f’idejhom u ħolqu lil Għawdex ‘municipium’ indipendenti minn Malta. Ir-Rumani bidlu ċ-Ċittadella fl-akropoli tagħhom u belt żviluppat taħt il-ħitan tagħha. Iż-żona tax-Xewkija kienet definittivament abitata fi żmien ir-Rumani. Il-post x’aktarx kien dominat minn villa Rumana tat-tip rustiku, villa maħsuba għall-attività agrikola industrijali, speċjalment l-għasir taż-żejt.

Fis-sena 535 WK , dawn il-gżejjer għaddew taħt il-ħakma tal-Biżantini, sakemm fis-sena 870 WK, l-Għarab Agħlabidi attakkaw lil Malta u ħallew l-arċipelagu depopolat. Madwar l-1045, grupp ta’ Saraċeni ġew minn Sqallija u rrikolonizzaw il-gżira. It-toponimu ‘Ix-Xewkija’ probabbli oriġina ftit wara. Fl-1091, il-Konti Ruggeru n-Normand stabbilixxa s-suzeranità fuq Malta, li aktar tard għaddiet f’idejn is-Swabi (1194), l-Anġevini (1266), u l-Aragoniżi (1282). Matul dan iż-żmien il-gżejjer kienu mmexxija minn sensiela ta’ Ħakkiema fewdali. Il-ħakma tagħhom ġiet imtaffija minn madwar l-1350, meta Għawdex u Malta ġew eventwalment inkorporati fid-dominju rjali. Ġie ffurmat Gvern lokali magħruf bħala l-Universitas Gaudisii biex jiddefendi l-interessi lokali.