Ġeografija u Storja
It-tempju preistoriku fix-Xewkija, innotat għall-ewwel darba minn Ġann-Franġisk Abela, jindika xi attività fl-inħawi u jista’ jkun li l-post kien abitat minn żminijiet bikrin ħafna. Skavi ta’ prova li saru fl-1904 mill-arkeologu Patri Manwel Magri fl-għelieqi fil-Lvant tal-knisja parrokkjali kkonfermaw li ż-żona kienet abitata sa minn żmien in-Neolitiku.
 

Madwar is-sena 700 QK, Malta u Għawdex ġew ikkolonizzati mill-Feniċi u aktar tard mid-dixxendenti tagħhom, il-Kartaġiniżi. Ġew skoperti diversi oġġetti Puniċi fil-limiti tax-Xewkija f’Tal-Morob.

Ir-Rumani ikkolonizzaw fl-218 QK fil-bidu tat-tieni Gwerra Punika, u ħolqu lil Għawdex municipium indipendenti minn Malta. Ir-Rumani bidlu ċ-Ċittadella fl-akropoli tagħhom u żviluppat belt taħt il-ħitan tagħha. Iż-żona tax-Xewkija kienet definittivament abitata fi żmien ir-Rumani. Il-post x’aktarx kien iddominat minn villa Rumana tat-tip rustiku, villa maħsuba għall-attività agrikola industrijali, speċjalment għall-għasir taż-żejt.

Fis-sena 535 WK, dawn il-gżejjer għaddew taħt il-ħakma tal-Biżantini, sakemm fis-sena 870 WK, l-Għarab Agħlabidi attakkaw lil Malta u ħallew l-arċipelagu depopolat. Madwar l-1045, grupp ta’ Saraċeni ġew minn Sqallija u irrikolonizzaw il-gżira. It-toponimu Ix-Xewkija oriġina ftit wara. Fl-1091, il-Konti Ruggeru stabbilixxa s-sużeranità fuq Malta, li aktar tard għaddiet f’idejn is-Swabi (1194), l-Anġevini (1266), u l-Aragoniżi (1282). Matul dan iż-żmien il-gżejjer kienu mmexxija minn sensiela ta’ Ħakkiema fewdali. Il-ħakma tagħhom ġiet imtaffija minn madwar l-1350, meta Għawdex u Malta ġew inkorporati bil-mod fid-dominju rjali. Ġie iffurmat Gvern lokali magħruf bħala l-Universitas Gaudisii biex jiddefendi l-interessi lokali.
 

Probabbilment kienet żieda fil-kummerċ li wasslet għall-iżvilupp ta’ abitazzjonijiet fl-inħawi tax-Xewkija li ġiet dokumentata fl-1487. L-isem huwa l-ewwel irreġistrat bħala Xeukie, f’att irreġistrat min-Nutar Joannes Sabbara, u jirreferi għall-post bħala żona estensiva. Madankollu, fluss kostanti ta’ kursari deħlin fil-portijiet tal-Imġarr u Mġarr ix-Xini biex jisirqu u jieħdu skjavi għamlu ż-żona mhux sigura.

Fl-1530, l-Imperatur Karlu V ta Malta u Għawdex lill-Ordni ta’ San Ġwann. Inizjalment xejn ma nbidel. Fl-1551, Għawdex kien prattikament depopulat hekk kif il-popolazzjoni kollha ta’ madwar 5000 ttieħdet fi skjavitù. Aktar tard waqt il-preżenza tal-Ordni, iċ-Ċittadella reġgħet inbniet bil-mod u Għawdex reġa’ iffjorixxa. Bħala raħal ix-Xewkija reġa’ kiber b’rata mgħaġġla. Sal-1607, meta nbena t-torri ta’ Garzes fuq il-promontorju li jagħti fuq il-port tal-Imġarr, ir-raħal kien sar aktar sigur. Din is-sigurtà ġiet ikkonsolidata fl-1661 meta nbena torri ieħor fid-daħla għal-Mġarr ix-Xini. Din is-sigurtà wasslet ukoll għal tkabbir fil-popolazzjoni, li rriżultat fix-Xewkija tiġi iddikjarata parroċċa fl-1678. Iktar tard, il-Kavallier Giovanni Gourgion bena residenza tal-kampanja fortifikata, magħrufa bħala t-Torri ta’ Gourgion, fiż-żona tal-parroċċa l-ġdida. Mibni sal-1689 dan sar l-aktar bini imponenti tax-Xewkija u sar punt ta’ referenza għas-sekli ta’ wara.
 

Il-ħakma tal-Kavallieri ta’ San Ġwann spiċċat fl-10 ta’ Ġunju 1798, meta l-Franċiżi, taħt il-Ġeneral Bonaparte, okkupaw Malta u Għawdex. L-abitanti tax-Xewkija ġrew għas-sigurtà ġewwa l-Forti Chambray, iżda ikkonċedew it-telfa għax il-Kavallieri ma offrew l-ebda reżistenza.

Matul l-amministrazzjoni Franċiża, ix-Xewkija kienet tifforma parti mill-hekk imsejħa Muniċipalità tal-Belt ta’ Għawdex, li kienet tinkludi wkoll iċ-Ċittadella, r-Rabat Għawdex, l-Għarb, u Ta’ Sannat. Fit-2 ta’ Settembru, il-Maltin u l-Għawdxin qamu kontra l-Franċiżi, li tkeċċew minn Għawdex fit-28 ta’ Ottubru 1798.

L-Ingliżi bil-mod ittrasformaw il-gżejjer f’kolonja fortizza. Ir-reżistenza tal-Ingliżi u l-Maltin għall-bumbardamenti matul it-Tieni Gwerra Dinjija saret leġġenda. Bejn l-1940 u l-1942, ġew skavati tmintax-il xelter madwar ix-Xewkija.

Minn meta l-Gżejjer Maltin kisbu l-Indipendenza fl-1964 u ġew iddikjarati Repubblika fl-1974, Għawdex ġie mmexxi bħal kull parti oħra tal-Gżejjer Maltin. Il-funzjonijiet eżekuttivi tal-Gvern ċentrali jitwettqu permezz tal-Ministeru għal Għawdex li ġie stabbilit fl-14 ta’ Mejju 1987. Sa mit-twaqqif tal-Kunsilli Lokali fl-1993, ix-Xewkija eleġġa l-kunsill lokali tiegħu.

Skont iċ-ċensiment li sar fis-26 ta’ Novembru 1995, il-popolazzjoni tax-Xewkija kienet kibret għal 3,128.